Monday, September 22, 2008

Klassi

Għadna fi zmien li nistgħu ngħidu li teżisti sistema ta' Klassi fis-sistema soċjali u politika ta' pajjiżna?

Għada teżisti ġerarkija ta' privileġġi li xxaqleb lejn ċerta setturi fis-soċjeta Maltija u li m'hiex aċċessibli għal strati oħra?

Forsi ma' l-ewwel daqqa t'għajn, meta nħarsu lejn l-iżvilupp li sar f'dawn l-aħħar deċenji, nistgħu faċilment ngħidu li s-sistema tal-klassi m'għadhiex treġġi u li kważi kważi kulħadd qed jersaq lejn l-istrata tan-nofs. Fl-opinjoni tiegħi, il-Klassi għadha teżisti. Sempliċiment bidlet suritha. Qabel il-klassi kienet tiġi meqjusa fuq l-għamla tax-xogħol, fuq x'paga tittieħed id-dar u fuq il-livell ta' edukazzjoni iżda issa, dan l-argument m'għadhux ireġġi. Għandna armata sħiħa ta' managers u executives li fl-aħħar mill-aħħar jieħdu d-dar daqs (jekk mhux anqas) minn nies li huma "taħthom". Il-kwistjoni ta' "fuq" u "taħt" m'għadhiex treġi f'kwistjoni ta' paga iżda fuq ġid akkumulat u li ntiret minn ġenerazzjonijiet sħaħ. Qed terġa tinħass il-kwistjoni tat-titli u tad-demm nobli li ntirtu minn ġenerazzjoi għall-oħra. Magħħom jintirtu l-artijiet u l-wirt kulturali li jiġu ikkurati u protetti minn klikkek sħaħ.

Fil-verita', f'moħħ in-nies u minħabba kultura konservattiva li ħakkmet lill-pajjiżna għal dan l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, il-kwistjoni ta' klassi ġiet svijjata għal mod aktar konsumerista. Meta għandek ġenerazzjonijiet sħaħ ta' nies li ttellgħu f'atteġġament ta' money no problem, meta ngħixu f'soċjeta tad-dejn (illum il-banek iċċemplulek biex iwikkuk b-gold cards bi kreditu ta' €4000), il-viżjoni ta' klassi tieħu xejra differenti marbuta mad-ditta. M'għadux ireġġi l-argument ta' "kif taqla flushek?" iżda aktar "Urini l-kontenut tal-basket tax-xiri"! Dan huwa mod falz ta' kif nanaliżżaw x'inhi klassi.

Il-ġid li jintwiret u li jitħaddem fis-soċjeta għadu l-bażi tal-klassi. Sfortunatament is-sistemi li jkissru d-differenzi bejn klassi u oħra qed jitħallew jitmerrmru. Xi kultant naħseb li din qed issir apposta. Waħda mis-sisien ta' kollox hija l-edukazzjoni, għax din hija il-qasba tas-sajd u mhux il-ħuta. Meta tara' li s-sistema edukkativa f'Malta kif qed titmerrmer tara din l-istrateġija. Ħalli ma' nitkellimx fuq il-falliment fl-iskejjel sekondarji u niffoka fuq l-edukazzjoni terzjarja. Għandna numru konsiderevoli ta' nies li qed imorru l-Universita' imma rridu naraw kemm l-istudenti huma kapaċi jkomplu wara l-Universita'. Il-fattur monetarju huwa ta' mportanza kbira f'dan l-istudju. Hija normali ħafna li wara l-Universita l-istudenti jibdew jaħdmu biex jibdew isosstnu aktar irwieħom. Iżda meta jagħmlu hekk x'aktarx li mbagħad jidħlu għaż-żwieġ, id-dejn tad-dar etc. U l-paga tmur għall-ħajja aktar milli biex ikomplu javanzaw fil-ħajja. Tfal li ġejjin minn familji li jifilħu m'għandomx din il-problema. Hemmhekk fejn xi ħadd bħal Daphne jitkellem b'mod elevat u jħarsu lejn Malta minn fuq. Hemmhekk fejn jibdew id-diskosi ta' aħna u huma.

U propju hawnhekk fejn il-ħsieb progressiv għandu jidħol biex jirranġa.

Monday, September 8, 2008

Kampanja Ġbir ta' Fondi

Nixtieq inkompli daqsxejn fuq dak li bdejt xi ħmistax ilu. Li tagħti xi ħaġa biex tgħin hija waħda mid-doni tal-ħajja. Imma s-sabiħ ta' dan huwa li ma tistenna xejn lura ħlief il-ferħ sincier ta' min qed jirċievi.

Sfortunatament, avvenimenti kbar bħal dik li ssir fl-aħħar tas-sena / bidu tas-sena l-ġdida huma każ tipiku ta li qed ngħid. Meta kont zgħir, ommi u missieri kienu jeħduni l-Belt fejn f'Misrah ir-Repubblika kienu jarmaw siġra twila twila u b'ħafna avvenimenti tal-Milied organizzati madwara. L-ispirtu ta' din is-siġra kienet li jiena niprepara rigal għal "min hu inqass ixxurtjat minni " (ma nafx kemm dik il-frazi hija politikament korretta imma dawk kienu il-kelmiet intużati dak iż-żmien). Il-ferħ li kont inhoss meta kont nitfa' r-rigal taħt is-siġra u l-immaginazzjoni kienet taħrab bija (tfal f'xi Istitut jew tal-Missjoni ferħana meta jiftħu r-rigal li preparajtilhom jien ghalihom. Jekk dan għadu jsir, jien m'ghadniex nisma' dwaru! Li hu żgur hu l-fatt li l-avveniment ġie sostitwit b'attivita aktar spettakolari u li fiha ma taqbad xejn mimn dan l-ispirtu. Attivita' fejn is-sens li taghti giet sostitwita mas-sens li tirbaħ. Attivita', fejn ċerta valuri ta' familja waħda ġiet tfisser kampanja ta' PR falza biex nies magħrufa juru is-sens tagħhom ta' karita. Attivita', fejn il-ferħ li tagħti gie mibdul fi spettaklu ta' irġiel lebsin ta' sorijiet, oħrajn jinżaw ghal-mużika ta' Full Monthy u politikanti ikantaw f'kor stunat biex idewbulna qalbna.

Għadha kemm ġiet organizzata il-Life Cycle u li dan l-aħħar smajna ħafna dwarha minħabba l-klandestini li pruvaw jiddubaw lift biex jaqsmu l-bordura. Konċetwalment naħseb li din l-attivita' huwa ġest tajjeb ħafna iżda li aktar ma jgħaddi z-zmien qeda titlef mill-iskopp ewlieni tagħha. L-idea li tagħmel sport biex tgħin lill-min hu fil-bżonn huwa tajjeb. L-ideja li tagħmel task ħalli tqanqal ftit entuzjazmu huwa tajjeb ukoll. Imma fl-opinjoni tiegħi dawn il-miri qed ikunu l-kaġun ta' din l-attivita. Aktar ma tmur, il-Life Cycle tidher li qed issir diffiċli u aktar qed tillimita ruħha ghall-ċirku idjaqq ta' nies. Fejn l-ideja originali kienet waħda ta'inkluzjoni, issa naħseb li qed issir waħda elitista. L-ahhar rotta li ghamlu kien hemm ammont kbirta cicklisti li waqfu. Nahseb li l-iskop ta' solidarjeta niex jiġbru għal kawża ġusta spiċċat f'tellieqa għal min ħa jasal fid-destinazzjoni. Fi ftit kliem spiċċat f'kompetizzjoni ta min hu l-aħjar u dak żgur li mhux l-ispirtu tal-ġest li qed jagħmlu.

Imma mhux kollox huwa hekk. Sena wara sena inkun qed nistenna avvennimenti bħal Oħloq Tbissima, li bl-aktar mod umli u bla ebda' pretensjonijiet ta' xejn joħolqu l-aspettativa ta' ogħtja mingħajr ebda' sens ta' kummerċjalita' jew kompetizzjoni.

Monday, September 1, 2008

Il-Passaġġi għar-Roti

Jekk tosserva l-passaġġi tar-roti - jew il-linji miżbugħa ma' l-art biex iservu ta' mogħdija għal dawk li jkunu qed isuqu r-roti - jaqbdek id-daħq, jew il-biki. Ma nistax nifhem passaġġ li jwasslek minn imkien għal imkien. Passaġġ li jieqaf ħesrem u mingħajr twissija tispiċċa ma' rawndebawt - propju fejn l-aktar ikollok bżonn passaġġ biex jipproteġik mit-traffiku.

Nirringrazzja lil ħafna sewwieqa li juru rispett lejn iċ-ċiklisti, u nikkundanna 'l oħrajn li jipperikolaw ħajjet iċ-ċiklisti biex jitkessħu, jew jagħfsuhom mal-ġenb tat-triq, jgħaddu b'veloċità kbira minn magħhom - jekk ma jħallulhomx sħaba sewda warajhom ukoll.

Ħasra li m'għandniex kultura ta' sewqan tar-roti u dawn il-problemi ma jagħmlu xejn biex din il-kultura nrawwmuha. Mhux qed ngħid li ser insiru qisna Amsterdam fejn ir-rota hija l-mezz ewlieni tat-trasport, għax għandma t-tlajja u s-sħana wkoll, imma xorta r-rota tista' tkun meżż alternattiv ta' trasport. Min isuq ir-rota jkun qed jagħmel l-eżerċizzju u jnaqqas il-konsum tal-fjuwil u t-tniġġiż fl-arja - naħseb li dawn in-nies jistħoqqilhom ftit aktar konsiderazzjoni u rispett.