Saturday, July 18, 2009

Il-FAIR għadu fair?

Ftit taż-żmien ilu konna għaddejjin bil-kampanja tal-FAIR u nisimgħu li l-Ewro mhux se jgħolli l-ħajja. L-NECC - il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Qalba għall-Ewro kienet tinfurmana l-ħin kollu li l-prezzijiet għandhom ikunu maqluba bir-rata fissa stabbilita. Kien hemm ukoll il-friża tal-prezzijiet sal-famuż Marzu tal-elezzjoni u l-wegħda li l-funzjoni tal-NECC, li wara l-qalba għall-Ewro kellha tevolvi fi struttura li tara li l-prezzijiet offruti lill-konsumatur ikunu tabilħaqq ġusti. Naħseb li sa dak iż-żmien kollox mexa ħarir. Il-qalba kienet waħda lixxa u l-kontrolli dehru li kienu qed jaħdmu.

Kważi sena w nofs wara x'inhu jiġri?

Il-friża tal-prezzijiet donnha dabet għall-kollox - dabet ukoll is-saħħa li kellhom il-flus f'butna. Mawra s'għand il-ħanut tal-merċa biex tixtri l-bżonnijiet ta' kuljum tħallik nifsek maqtugħ, tħares lejn il-kont tipprova ssib xi żball li jispjega għaliex kull darba qed tonfoq aktar mid-drabi ta' qabel biex tixtri l-istess affarijiet. L-NECC dabet ukoll - dik li kellha tkun il-funzjoni ġdida tagħha baqgħet ma twieldet qatt. Drajna naċċettaw wegħdiet miksura.
Il-konvenjenza tal-konverżjoni tal-valur tal-flus ħadet post il-FAIR li tant konna stampajna riklami u waħħalna stickers tagħha mal-bibien tal-ħwienet. Tista' tagħti tort lin-negozjant li jaqta' għad-dritt meta dan jara li anki d-Dipartimenti tal-Gvern qed jagħmlu dan - id-Dipartiment tal-Artijiet, ngħidu aħna, kien iżomm Lm 5 jew €11.65 biex tinġabar kopja ta' tender - illum dan sar €12 għad-dritt. Nistħajjilkom tgħidu, "U iva mhux 35c kollox hemm differenza!". U għandkom raġun. Għandu raġun ukoll min jemmen li l-FAIR abbandunajnih bil-provi -minn fuq s-isfel.