Showing posts with label ġurnaliżmu. Show all posts
Showing posts with label ġurnaliżmu. Show all posts

Monday, June 23, 2008

Kodiċi ta' Etika għall-Ġurnalisti

Waħda mill-ewwel miżuri li jidher li se jieħu l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista huwa li jikkummissjona kodiċi ta' etika għall-ġurnalisti tax-xandir ta' l-istess partit. Għandi xi suġġerimenti u kummenti dwar dan u nixtieq li l-qarrejja jżidu tagħhom ukoll.

Li l-ġurnailisti jibdew jirrispettaw ftit l-intelliġenza ta' l-udjenza tagħhom. Dan billi jippreżentaw il-fatti mingħajr ma jistqarru jew "jiżvelaw" dak li hu ovvju! Nagħti eżempju, tista' timmaġina l-valur ta' mistoqsija waqt "vox pop" li tgħid xi ħaġa hekk... "Kif jaffetwak jekk is-servizzi mediċi fl-isptar isiru bil-ħlas?" "Tajjeb jew ħażin?" Meta nistaqsu mistoqsijiet bħal dawn naħseb li nkunu qed ninsulentaw lill-pubbliku li jixraqlu aħjar - inkomplu bl-insult jekk nuru sensiela ta' mistoqsijiet simili fl-aħbarijiet. Jekk il-ġurnalisti jaħsbu li din hija l-udjenza tagħħom, sar iż-żmien li lil din l-udjenza jibdew jedukawha ħalli tkun kapaċi tagħmel għażliet imsejsa fuq raġunament ta' fatti u mhux ħasil tal-moħħ.

Nissuġġerixxi li jekk ma jkunx hemm biex timla bulettin ta' l-aħbarijiet inqassruħ u ndaħħlu l-famuż intervall ta' l-antik! F'Malta jsiru ħafna attivitajiet li ma jkunux politiċi, naħseb li l-istazzjonijiet għandhom jagħtuhom importanza fil-bulettini ta' l-aħbarijiet b'hekk inkunu nistgħu naraw verżjoni waħda ta' l-aħbarijiet u mhux tlieta jew erbgħa!

Nittama li t-tfassil tal-Kodiċi ta' Etika jittieħed bħala eżempju minn ġurnalisti oħrajn ta' organizzazzjonijiet oħrajn, tal-Partit Nazzjonalista u tal-PBS (dawn it-tnejn hemm min jgħid li huma fil-fatt ħaġa waħda). Il-media hija għodda wisq b'saħħitha biex tiġi immanipulata minn ftit ġurnalisti bla skrupli u b'aġendi li jmorru ferm 'il bogħod minn dik li jippreżentaw il-fatti u l-verità lill-udjenzi tagħhom. Il-fatt li l-MLP beda jagħmel xi ħaġa dwar dan huwa pożittiv - imma nittamaw li jkun sforz ferm aktar wiesa'.

Tkellimt ma wħud li kienu ferm sorpriżi meta saru jafu li Peppi Azzopardi huwa wieħed minn dawk li ser ikunu qegħdin ifasslu din il-Kodiċi ta' Etika, staqsewni għala din l-għażla stramba. Ir-risposta tiegħi kienet li l-probabilità hija biex kulħadd jitgħallem mill-viċin mingħand Peppi dwar dak li m'għandux isir fil-ġurnaliżmu serju.