Showing posts with label MLP. Show all posts
Showing posts with label MLP. Show all posts

Wednesday, June 4, 2008

Speranza

Dalwaqt tiġi fi tmiema t-tellieqa. Minn għada jibdew l-elezzjonijiet għall-leadership ġdid tal-Partit Laburista. Għal tul dawn l-aħħar xhur, kif kien probabilment mistenni, dan kien l-aktar suġġett diskuss fil-media. Kullħadd qal tiegħu. Min qal affarijiet validi u ħafna le. Għal mumenti twal ħassejtni qisna qed naraw xi reality show. Sezzjonijiet kbar tal-media ma nteressaħhomx dwar il-kontenut, għal ħafna kienet biss pageant show fejn l-aktar wieħed li jappella irid jirbaħ. Ħassejt li ftit kienu dawk li nteresshom dawn il-ħames persuni x'qgħedin joffru.

Wieħed mill-argumenti li ma stajtx nifhem tul din il-kampanja kien il-fatt li beda jingħata mportanza lil kemm kandidat jew ieħor jattira lil votanti tal-kamp avversarju. 'Imma mhux hekk tirbah?' Mhux necessarjament specjalment f'dan il-pajjiż. L-ammont ta votanti li lesti jeqilbu l-vot huma ftit u għandi s-suspett li ħafna minnhom l-anqas ħargu jivvotaw din id-darba. Ħafna qishom qed jinsew li principju bażiku tad-demokrazija hu li int tivvota lil min jirrapreżenta lilek u mhux lil ħaddieħor. Dan jgħodd ukoll għad-delegati jew kunsilliera taż-zewġ partiti. Min isir mexxej, irid ikun jirrapreżenta lil dawk li ivvotawlu u mhux lil xi ħadd fittizju. Xogħol mexxej ġdid hu dak li jgħaqqad l-għeruq tal-partit, jibni politika u programmi sodi, jaħdem biex ikun gvern alternattiv u dan awtomatikament iwassal biex jattira voti li mhux tradizzjonalment ikunu tieghu. Li l-Partit Laburista jibda mill-illum li l-inkwiet tiegħu hu li jattira l-votanti tan-naħa l-oħra ikun qed jibda it-triq bil-kontra. Il-passat recenti juri li ħafna drabi il-Partit Laburista deher li kien qed jiprova jarttira l-voti mingħajr ma kien qed jidher li kellu kontenut validu u viżjoni cara tal-politika għal pajjiż. Dan hu żball li l-partit Laburista ma jistax jippermetti, hu żball li pajjiżna ma jistax jaffordja.

Jien għadni nispera li l-affarijiet f'dan il-pajjiż jinbidlu; jinbidel l-istil kif issir il-politika. Elezzjoni ta mexxej ta' partit li jirrapreżenta nofs il-poplu Malti hi opportunita biex l-affarijiet jibdew jinbidlu. Wasal iż-żmien li fil-politika nibdew nitkellmu dwar il-Politika, dwar kontenut, dwar issues li jolqtu lin-nies fil-ħajja ta kuljum. Wasal iż-żmien li l-politika tkun tal-poplu u mhux il-poplu tal-politici.

Monday, May 5, 2008

Inklużjoni

Fadal biss xahar għal l-elezzjoni tat-tmexxija l-ġdida tal-Partit Laburista u ma' niistgħux ma' ngħidu xejn fuq dan il-fatt storiku importanti fl-istorja politika maltija. It-transizzjoni minn kap għall-ieħor indubjament qajmet diskussjoni sħiħa u qegħdin f'proċess interessanti fejn il-pedament tal-Partit Laburista qiegħed u għad irid jiġi diskuss u analizzat taħt lenti ħoxna. Partit b'saħħtu jrid ikollu ideat ċari u konkreti u permezz ta' din l-isfida t-twemmin xellugi tal-lum irid jiġi identifikat u mressaq quddiem il-poplu Malti bl-aktar mod ċar u konkret. Dan it-twemmin irid ikun il-bażi soda ta' partit li jrid jaffronta r-realtajiet differenti li kull ħaddiem Malti, fl-istrati differenti tas-soċjeta, jrid iħabbat wiċċu magħhom.

Huma ħafna il-fatturi li qed jiġu evalwati imma bla dubju ta' xejn l-aktar ħaġa li qiegħeda tiġi msemmija minn kull kandidat f'din it-tellieqa hija l-inklużjoni.

Inklużjoni tinvolvi fiha proċess sħiħ ta' komunikazzjoni, parteċipazzjoni u organiżazzjoni

  • Komunikazzjoni: Biex xi ħaġa tiġi inkluża, l-ewwel irid ikun hemm djalogu sħiħ bejn żewġ partijiet jew aktar. Dawn iridu jressqu quddiem il-parti l-oħra ideat li jappartjenu għal dak il-grupp partikolari. Dan jimplika li kull organu differenti irid ikollhu twemmin partikolari u li dan it-twemmin jiġi ikkonkretiżżat sabiex ikun jista' jiġi ikkomunikat. Din id-diversita' ta' ideat differenti tiġi diskussa ħalli flimkien tiġi stabbilita il-linja komuni u d-diverġenzi li jistgħu jeżisitu.
  • Parteċipazzjoni: L-inklużjoni fiha infisha hija att ta' parteċipazzjoni bejn dawn il-partijiet differenti. Ma' jistax ikollok inklużjoni ta' xi ħaga jekk ma' jkunx hemm xi forma ta' involviment bejn dawn l-oqsma differenti. U għalhekk kull organu irid jipparteċipa b'mod attiv.
  • Organiżazzjoni: L-inklużjoni hija att ta' involviment kontinwu u li fiha hemm bżonn ta' organiżazzjoni sħiħa. Jekk ma' jkunx hemm dan is-sens ta' ordni, l-kommunikazzjoni u l-parteċipazzjoni bejn l-imsieħba diversi ma' jistgħux jersqu lejn xulxin. Bil-parteċipazzjoni ta' ħafna elementi differenti u permezz ta' diskussjonijiet miftuħa miġbura fi struttura sistematizzata, l-organiżazzjoni tieħu l-ħajja b'sens ta' direzzjoni u b'metodi fluwidi u komprensivi sabiex tirranġa in-nuqqasijiet matul il-process.

Jidher li informalment il-kandidati kollha qiegħdin jaqblu mal-prinċipju ta' l-inklużjoni. Għalkemm dawn il-fatturi li semmejt hawn fuq huma l-bażi ta' l-inklużjoni tidher li d-diverġenza li teżisti hija fil-metodoloġija. Interessanti huwa s-sens ta' dibattitu li nfetah u li jekk tiġi analizzata sa l-iċken dettal (mid-diskorsi li qed isiru sa l-għażla tal-postijiet illi fihom qeghdin jittellgħu dawn id-dibattiti) nistgħu naraw is-sens ta' maturita li qegħda tintwera' matul il-ġirja sħiħa.