Showing posts with label illużjoni. Show all posts
Showing posts with label illużjoni. Show all posts

Wednesday, May 21, 2008

Tini sitta u 'ntik sold

Missieri jirrakonta li meta kien għadu tfal u t-tallaba kienu għadhom xena komuni f'bieb il-belt, kien hemm żewġ tallaba li xogħolhom dawruh f'arti. Milli qalli, kienu jiġu fuqek u jghidulek 'tini sitta u 'ntik sold'. Jien ma niftakarhomx. Jien twelidt fi żmien ieħor, fis-sebgħinijiet meta nies ibgħatu l-ġuħ kienet ħaġa tal-passat. Biss din l-istorja dejjem affaxxinatni. Hi l-illużjoni li int tgħatini xi ħaġa, jien ngħatik xi ħaġa lura u t-tnejn kuntenti. L-illużjoni li għax it-tnejn ħadna xi ħaġa, it-tnejn għandna nkunu kuntenti.

Illum ħafna huma dawk li din l-arti, dik tal-fabbrikazzjoni tal-illużjonijiet, ipperfezzjonawha. F'dinja fejn l-informazzjoni saret il-bidu u tmiem ta kollox, ħafna drabi ninsew li dak li niġu infurmati dwaru hu biss parti mill-verita, u li l-verita tista jkollha ħafna livelli. Biss, il-fatt li l-verita jista ikollha aktar minn faċċata waħda, ma jfissirx li nistgħu nistmgħu kollox bħala validu u vera. Li jkollok opinjoni mhux bizzejjed, trid ukoll is-sustanza. Agħar minn hekk, li nitfgħu nofs tużżana minn nies fuq it-televiżjoni sempliċiment għax għandhom xi jgħidu u nistmgħu kollox b'mod ugwali mhux aċċettabli. Xi kultant inħoss li din id-dinja saret biss dominata minn min jew jemmen li l-verita hija waħda jew minn dawk li jemmnu li l-verita ma teżistix. Gvernijiet u reliġjonijiet li jemmnu li l-verita tagħhom biss tgħodd jew il-medja li tgħatik l-impressjoni li kollox jgħaddi, l-importanti mhux x'tghid imma li kapaċi tgħid. Qisu kullħadd jinsa li d-dinja mhix mgħamula minn abjad u iswed imma minn ħafna gradazzjonijiet ta griż. Dan l-aħħar laqgħatni kumment ta Peppi Azzopardi fuq il-blog tiegħu fejn qal
Hawn Malta għadna mkaħħlin li ktieb, programm tat-televixin jew radju jrid jgħallem, irid ikollu messaġġ. Frankament inħares lejn din l-atitudni bħala arroganza ta’ min jaħseb li huwa moralment ‘il fuq mill-oħrajn u jrid jgħallimna kif għandna ngħixu. Hafna nies jgħiduli li fl-aħħar Xarabank għandu jkollu konklużjoni, xi ħadd jgħid x'inhi l-verita'. Fil-blog li jmiss ngħidilkom għala naħseb li jekk nagħmlu hekk inkunu qed noqtlu lil Xarabank...
Peppi qed iħallat il-ħass mal-qarabali. Li twassal, jew tiprova twassal messaġ ma jgħamlekx arroganti. Kif jaf ħafna aktar minni Peppi, il-medja tintuza principalment għal żewġ raġunijiet, informazzjoni u 'entertainment'. U talkshow irid jiddiskuti xi forma ta informazzjoni, le? U la twassal informazzjoni, qed twassal messaġġ trid jew ma tridx. Hija nkwetanti li Peppi jemmen li għax Xarabank m' għandux konklużjoni mhux qed iwassal messaġġ. Jew din parti mill-illużjoni?