Showing posts with label inklussivita. Show all posts
Showing posts with label inklussivita. Show all posts

Wednesday, April 23, 2008

Urtica Dioica


Fil-bitħa interna tal-istudio tiegħi, kelli zokk imħawwel ġewwa ftit ħamrija, li darba minnu rajt tispunta werqa u skporejt li dan iz-zokk kien pjanta. Wara xhur nieħu ħsieb dan iz-zokk, ftit ftit, minn werqa saru tnejn, imbagħad tlieta u fi żmien qasir imtlejt bil-kuraġġ u illum hemm tużżana pjanti fid-daqsxejn ta’ bitħa li għandi. Meta staqsewni x'jisimha l-pjanta (minflok x'tip ta’ pjanta hi) smajt lili nnifsi nirrispondi Doris. U Doris qegħdha hemm fil-bitħa interna tal-istudio tiegħi; irqieqa, twila u imxengla.

Waqt l-elezzjoni li għaddiet, f'dak iż-żmien ta’ taqtih il-qalb, lil Doris u lil sħabha, dawk it-tużżana pjanti l-oħra, abbandunajthom, biss peress li xita ma kienetx nieqsa, ma mietux. Il-bieraħ minn wara Doris, iħarsu lejja qishom biex jinkuni, rajt ftit weraq ġodda. Mort inħares aktar mill-viċin u skoprejt li kien ħurrieq. Ħurrieq, dawk l-erba' werqiet li jirnexxielhom jikbru fl-aktar postijiet diffiċli biex taqlagħhom. U ta’ iblah li jien provajt naqla’ dawn l-erba' werqiet semplicimet għax xi ħadd iddeċieda li huma ħaxix ħazin. U wara li ħraqt idi ma’ dan il-ħurrieq sibt ruħi nirraġuna "Koż, kif inhi l-ħajja, anki fid-dinja tal-weraq u l-fjuri għandek ċittadini tal-ewwel u t-tieni klassi." Dawk li l-ħajja daħqitilhom u dawk li għax xi ħadd qam bil-bajda mdawwra sabu ruħhom imwarrba u imkażbra mill-bqija tad-dinja. Qisu kulħadd nesa' li żmien ilu, in-nanniet tagħna kellhom ħafna użu għal din l-pjanta li illum inħarsu lejha b'tant disprezz.

Forsi tinstema’ ftit drammatika, imma f'dan il-pajjiz ukoll għandna ċittadini ta’ l-ewwel u dawk tat-tieni klassi u dan jinstab fuq ħafna livelli. Jinstab fuq livell soċjali, dak ekonomiku u anki dak politiku. Dawk li minħabba min huma, x'edukazzjoni għandhom jew xi skola marru, jew minħabba x' twemmin politiku iħaddnu awtomatikament jinstabu fuq wara nett tal-karru, jew forsi isibu lilhom infushom jimxu waqt li ħaddieħor jirkeb. U din problema fuq żewġ livelli, minn naħa fuq livell personali għal dawk li biex jirnexxu iridu jistinkaw aktar minn ħaddieħor u minn naħa l-oħra telf għal pajjiż kull darba li l-ideat u l-kapaċitajiet ta' sezzjoni tal-poplu jiġu skartati.


Ironikament din is-sena, hi i s-sena Ewropea għad-djalogu interkulturali. Sħabna l-ewropej mhux żgur jafu kemm dan hu pajjiż maqsum. Mhux żgur jafu li anki f'soċjeta li suppost hi daqshekk omoġenja hawn daqshekk firda. Forsi ta’ min nibdew niċċelebraw din is-sena billi l-awtoritajiet jieħdu passi biex ħadd fuq din il-blata ma jħossu mwarrab u d-djalogu li kien wegħda politika snin ilu tassew jibda jseħħ. Ta’ min nibdew naħdmu ħalli kullħadd ikun iħossu li jista jikkontribwixxi. Forsi wasal iż-żmien li minbarra kliem fieraħ, il-politiċi taghna vera jibdew jaħdmu ħalli din tkun soċjeta inklussiva. Bħal Doris u l-ħurrieq ma’ nħabblux rasna naqsmu l-istess qasrija.