Wednesday, April 23, 2008

Urtica Dioica


Fil-bitħa interna tal-istudio tiegħi, kelli zokk imħawwel ġewwa ftit ħamrija, li darba minnu rajt tispunta werqa u skporejt li dan iz-zokk kien pjanta. Wara xhur nieħu ħsieb dan iz-zokk, ftit ftit, minn werqa saru tnejn, imbagħad tlieta u fi żmien qasir imtlejt bil-kuraġġ u illum hemm tużżana pjanti fid-daqsxejn ta’ bitħa li għandi. Meta staqsewni x'jisimha l-pjanta (minflok x'tip ta’ pjanta hi) smajt lili nnifsi nirrispondi Doris. U Doris qegħdha hemm fil-bitħa interna tal-istudio tiegħi; irqieqa, twila u imxengla.

Waqt l-elezzjoni li għaddiet, f'dak iż-żmien ta’ taqtih il-qalb, lil Doris u lil sħabha, dawk it-tużżana pjanti l-oħra, abbandunajthom, biss peress li xita ma kienetx nieqsa, ma mietux. Il-bieraħ minn wara Doris, iħarsu lejja qishom biex jinkuni, rajt ftit weraq ġodda. Mort inħares aktar mill-viċin u skoprejt li kien ħurrieq. Ħurrieq, dawk l-erba' werqiet li jirnexxielhom jikbru fl-aktar postijiet diffiċli biex taqlagħhom. U ta’ iblah li jien provajt naqla’ dawn l-erba' werqiet semplicimet għax xi ħadd iddeċieda li huma ħaxix ħazin. U wara li ħraqt idi ma’ dan il-ħurrieq sibt ruħi nirraġuna "Koż, kif inhi l-ħajja, anki fid-dinja tal-weraq u l-fjuri għandek ċittadini tal-ewwel u t-tieni klassi." Dawk li l-ħajja daħqitilhom u dawk li għax xi ħadd qam bil-bajda mdawwra sabu ruħhom imwarrba u imkażbra mill-bqija tad-dinja. Qisu kulħadd nesa' li żmien ilu, in-nanniet tagħna kellhom ħafna użu għal din l-pjanta li illum inħarsu lejha b'tant disprezz.

Forsi tinstema’ ftit drammatika, imma f'dan il-pajjiz ukoll għandna ċittadini ta’ l-ewwel u dawk tat-tieni klassi u dan jinstab fuq ħafna livelli. Jinstab fuq livell soċjali, dak ekonomiku u anki dak politiku. Dawk li minħabba min huma, x'edukazzjoni għandhom jew xi skola marru, jew minħabba x' twemmin politiku iħaddnu awtomatikament jinstabu fuq wara nett tal-karru, jew forsi isibu lilhom infushom jimxu waqt li ħaddieħor jirkeb. U din problema fuq żewġ livelli, minn naħa fuq livell personali għal dawk li biex jirnexxu iridu jistinkaw aktar minn ħaddieħor u minn naħa l-oħra telf għal pajjiż kull darba li l-ideat u l-kapaċitajiet ta' sezzjoni tal-poplu jiġu skartati.


Ironikament din is-sena, hi i s-sena Ewropea għad-djalogu interkulturali. Sħabna l-ewropej mhux żgur jafu kemm dan hu pajjiż maqsum. Mhux żgur jafu li anki f'soċjeta li suppost hi daqshekk omoġenja hawn daqshekk firda. Forsi ta’ min nibdew niċċelebraw din is-sena billi l-awtoritajiet jieħdu passi biex ħadd fuq din il-blata ma jħossu mwarrab u d-djalogu li kien wegħda politika snin ilu tassew jibda jseħħ. Ta’ min nibdew naħdmu ħalli kullħadd ikun iħossu li jista jikkontribwixxi. Forsi wasal iż-żmien li minbarra kliem fieraħ, il-politiċi taghna vera jibdew jaħdmu ħalli din tkun soċjeta inklussiva. Bħal Doris u l-ħurrieq ma’ nħabblux rasna naqsmu l-istess qasrija.

3 comments:

Adrian Muscat said...

Ejja nghidu hekk: socjeta’ inklussiva hija socjeta’ li tiftah il-bibien biex min irid jittawwal u jhalli kumment, (bhal manocca). Minn hemm il-quddiem zewg affarijiet jistghu jigru; jew xi hadd minn ta gewwa jinnota lil xi individwu b’xi talenti mixtieqa, jew l-individwu jrid jimmbotta lilu innifsu jekk naturalment jixtieq javvanza u jidhirlu li ghandu it-talenti biex jsir parti integrali mis-socjeta. Il-problema tinqala meta l-individwu ma jkunx kapaci jimbotta lilu innifsu jew l-individwu jkun ittimbrat, bhal hurrieq - ovvjament socjeta inklussiva ma tittimbra lil hadd u ukoll taghti cans, nkella ma tkunx dinamika. Dinamizmu wkoll jirrikjedi li min jipprova b’mod genwin u jfalli jmur jipprova xi haga ohra, sakemm jsib lilu nnifsu. Il-problema x’inhi mela? Hafna bnedmin ma humiex dinamici, hafna drabi ghax gew indukrati hekk... Dan jfisser li hafna socjetajiet ma humiex dinamici u allura ma humiex inklussivi…..Malta ghandna hafna socjetajiet ta dan it-tip.

Kollox hazing allura? Le… Hafna drabi persuna wahda jkonna bzonn (aqra il-kumment fuq il-‘chaos theory’, fl-isfera li gej minnha nuzaw ukoll termini bhal ‘critical systems’ jew ‘avalanche effect’) biex bidla issehh minn azzjoni zghira f’hin qasir. Din il-persuna tigi minn fost politici dinamici u strutturi dinamici. Dawn huma l-ingredjenti ghal socjeta inklussiva.

Anonymous said...

"Forsi ta’ min nibdew niċċelebraw din is-sena billi l-awtoritajiet jieħdu passi biex ħadd fuq din il-blata ma jħossu mwarrab u d-djalogu li kien wegħda politika snin ilu tassew jibda jseħħ."

Kemm inti tifel sew Rupert. Kieku jiena cartoonist nirbahlek competition u mpengilek lil Gonzi jilqa' lin-nies separati, lill-genituri li jixtiequ jadottaw wild malti, lill-omo u transesswali u lit-tjur.

Anonymous said...

This blog post is featured on Maltamedia: The Maltese Blogosphere

- Nominate blog post of the month -