Wednesday, November 12, 2008

Il-Monument

Qaħbec nies kemm ġraw affarijiet dan l-aħħar. Biex jirnexxielek tikteb fuq kollox trid tinkolla ruħek quddiem l-imniefaħ ta' kompjuter u ma tinqalax minn quddiemu. Biss la qed ngħix fuq din il-blata ma nistax ma nkunx tipiku Malti u ma nikkummentax ftit.

Per eżempju, tgħidx kemm fraħt il-ġimgħa l-oħra bl-elezzjoni ta’ Obama. Mhux biss għax nispera li fl-aħħar il-US of A għandhom president progressiv, mhux biss għax mhux bjond u għajnejh blu, mhux biss għax jismu Hussein ukoll, imma fuq kollox għax fl-aħħar qed nara li hemm xaqq ta dawl li l-mentalita Reaganjana, dik li l-kapital jirrenja, waslet fi tmiema. Għax ejja ngħiduha kif inhi, is-sistema kapitalista falliet. Kif tista tiġġustifika sistema kapitalista meta f’mument ta kriżi iddur fuq flus il-poplu? Kif tista tiġġustifika l-kapitaliżmu meta dan jista jsalva biss bl-aktar intervent komunista li jista jkollok, dak statali? Mela tajjeb, kapitalisti sakemm ngħamlu l-qliegħ, imma mat-telf insiru kollha komunisti!

Imsomma, jidher li l-US of A, fl-aħħar qed jaraw id-dawl. Nispera, għax hawn id-dawl ħa nibdew narawh biss matul il-ġurnata (s’issa dak tax-xemx għadu b’xejn). L-ieħor, dak elettriku, nistgħu nibdew ninsewh. Fi ftit snin uliedna ħa jibdew jużaw il-kelma bozza bl-istess mod kif aħna nużaw il-kelma kenur, oġġett li ħadd ma għadu juża. Oġġett tajjeb biss għal mużewijiet. Għalhekk nixtieq nipproponi li f’waħda mir-rawndebawts kollha fjuri ngħamlu monument iddedikat lill-bozza li ftit saru jaffordjaw jixgħelu. Dan il-monument (l-iskeċċ jidher ma' dan l-artiklu) hu ispirat mill-mistoqsija “Jista xi ħadd jispjegali għala li issa l-prezz taż-żejt raħas kważi bin-nofs, ħa nibdew inħallsu id-doppju?”. Il-monument għandu jkun intitolat “ILLUMINANA GONZ!”

1 comments:

Anonymous said...

fuq l-istess tema

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20081112/world-news/oil-hits-20-month-low