Wednesday, November 19, 2008

Nilagħbuhom?




Il-liberalizzazzjoni hija tajba. M'hemmx argumenti. Niftakar iż-żminijiet tad-dlam, żmien Mintoff, meta l-Maltin ma setgħux jidħlu l-Casino. Mhux sewwa, xi dritt għandu l-istat li jieħu r-rwol tal-missier u ma jħallikx tilgħab flusek? Għandek tkun liberu li tagħżel inti x'tagħmel bi flusek.

Illum għamilna progress enormi, nistgħu nilagħbu fuq il-futbol, it-tiġrijiet taż-żwiemel minn madwar id-dinja u aktar minn hekk, f'kull rokna u kantuniera ta' kull belt u raħal għandna numru sabiħ ta' ħwienet tal-logħob fejn wieħed isib varjetà ta' makni li fihom titfa' l-flus bit-tama li jirrendulek dak li fil-fond ta' qalbek taf li mhux se jirrendulek. Il-klijenti ta' dawn il-ħwienet mhu qed jagħmlu xejn ħażin, fil-fatt ma nistax nifhem għaliex il-ħwienet joffru s-servizz ta' paraventu lil kull min jidħol fihom. Ir-ristoranti ma jaħbux l-uċuh tal-klijenti tagħhom, allura l-ħwienet tal-logħob għaliex jagħmluh dan?

It-tentazzjoni għandha rwol f'din il-biċċa? Jien tgħallimt li jekk ma jkollokx tentazzjoni, l-virtujiet tiegħek ma jiswewx wisq. Jista' jkun li l-ħwienet tal-logħob li qed ifaqqsu ma kullimkien allura qed iservu biex joħorġu aktar il-virtujiet ta' dawk li ma jaqawx għat-tentazzjoni. Illum li l-lottu pubbliku sar lottu privat, partatna qligħ tajjeb li l-gvern seta' juża għall-ġid il-poplu ma' qligħ akbar ta' darba biex forsi ntaffu d-defiċit fil-finanzi sodi tal-pajjiż. Imma jien konvint li llum qegħdin aħjar, jew forsi aħjar meta konna agħar

2 comments:

Anonymous said...

Jien nimmagina li dal-fenomenu jorbot maz-zewg (ghalija) kallijiet tas-socjeta taghna
a) il-Vodafone Brigade (jigifieri "life is now" u rrid kollox issa u ddewwimnix)
b) ma nafux meta ghandna nghidu "Issa Daqshekk" Darba kont qed nara t-television u kien hemm wiehed minn xi ghaqda bhal Sedqa (imma ma jidhirlix li kienet sedqa) u kien qed jghid li meta s-Super 5 jitla' ghal ammonti li jhalluk b'halqek miftuh timmagina x'taghmel kieku tirbahhom ikun hemm min jaghzel li ma jixtrix ikel jew bzonnijiet biex ikollu izjed x'jonfoq fuq is-Super 5.
Issa jien qed nghid li din ghandha x'taqsam.
Int semmejt tentazzjoni. Nahseb li f'dal-kaz it-tentazzjoni hi izjed qawwija ghax hemm il-"weghda" li jekk tirbah it-tbatija tieghek tispiccalek cumm bumm.
Haga ohra li ghandha x'taqsam, jien smajt li meta l-Gvern hareg bis-somom ghan-nies tad-Dockyard kien hemm min hatafha ghax kien se jaqta' l-loan. Ma hasibx jekk forsi ikollux bzonn izjed flus biex jibqa' jghix wara li jaqta' l-loan... Life is now, atf kif?

jean paul said...

Mingħajr forsi ma nitla' fuq xi pulptu, l-problema ta' dawn il-ħwienet u l-kultura tal-logħob ġenerali hija li jimmiraw għal ċertu strata tas-soċjeta, li d-diffikultajiet tagħhom bil-fors jġiegħluhom joħolmu biex jgħaddu ġurnata wara ġurnata, ħolm li jarawh jista' jseħħ biss b'xi rebħa mill-magni jew mis-Super 5.