Waħda mill-pjaciri fil-ħajja huwa d-don li tagħti. Xi sitt snin ilu jien u l-mara għamilna sitt ġimgħat il-Peru. Wasalna Arequipa u sirna nafu li hemm qassis Malti li ddedika ħajtu għall-missjoni f'waħda mid-distretti ta' din il-belt vasta. Għamilna minn kollox biex insibuh imma deher li t-tfittxija tagħna ma kienetx ser tħalli frott. Sakemm morna l-Posta tal-lokal u ttantajna xortina li nsaqqsu raġel li kien qed jaħdem hemm. Kif semmejna isem Dun Ġwakkin għajnejn dan ir-raġel xegħlu u qallina li dan il-qassis kien jikkunsidrah bħala missieru. Tana in-numru fejn nistgħu inċemplu u dan qallilna li l-għada filgħodu kien ser jiġi għalina biex idawwarna fil-lokal. L-għada, fil-ħin miftiehem, sibna raġel anzjan jistennina u mill-ewwel intbaħna li kienet il-persuna li konna qed nistennew. Dun Ġwakkin ħadna naraw il-ħidma li kien qed jagħmel f'din il-belt hekk kbira mimlija b'nies foqra ta' vera, tfal abbandunati u sfruttati. Meta ħadna f'waħda mill-knejjes li dan kien iserrvi fihom konna milqugħa b'ċorma kbira ta' tfal kollha jifirħu u jilgħabu ma' dan il-qassis ta' kważi sebgħin sena. Ħadna id-dar tiegħu u minnufih ilmaħna dak ir-raġel li konna ltaqajna miegħu il-Posta. Dun Ġwakkin kien rabba ħamest itfal matul perjodi differenti u fetaħ daru għalihom. Dan kien l-iżgħar wieħed mill-ħamsa u li issa kien kiber, iżżewweġ u kellu tifla ta' ħames snin. Dan, flimkien ma' martu u t-tifla, baqqgħu jixgħu fid-dar ta' dan il-qassis u din it-tifla ċkejkna kienet tqis lill-Dun Ġwakkin bħala n-nannu. Hawnhekk stajt nara l-ferħ vera li jġib miegħu meta wieħed jagħti. Ferħ li ħadd ma' jista jiddiskrivieh. F'waħda mill-kitbiet tiegħi tal-bidu meta ffurmajna Il-Manoċċa kont għamilt referenza għal wirja ta' fotografija retrospettiva tal-fotografu veteran Joe Camilleri. Joe kien ħass li wasal punt f'ħajtu li dak ix-xogħol kollhu li għamel f'ħajtu ried jiġbru kollu f'kollezjoni waħda u li jiktiba fil-wirt tiegħu bħala donazzjoni lil Heritage Malta biex tiddaħħal fil-Kollezzjoni Nazzjonali. Lill-Joe kelli ċans inkellmu fit-tul dwar dan il-ġest hekk sabiħ u ddeterminazzjoni li din il-persuna kellha biex tirregala xogħlha wara mewta kienet waħda li ħalliet impressjoni fuqi. L-iskop ma' kienx biss li jagħmel din l-għotja iżda biex iħeġġeġ nies oħra biex isegwu l-eżempju tiegħu. Ġimgħatejn wara t-tmiem ta' din l-esebizzjoni, Joe miet.
L-istess ħaġa ġara ftit tal-ġimgħat ilu fejn l-avukat Albert Ganado ta lill-Heritage Malta kollezjoni imprezzabli ta' mapep ta' Malta (madwar 450) li huwa ikkollezzjona u rriċerka matul ħajtu kollha. L-Avukat Ganado huwa awtorita' mondjali fejn tidħol kartografija ta' Malta u l-istudji kbar li għamel nistgħu insibuhom f'kitbiet dettaljati. Fost il-mapep li ħalla nistgħu insibu kollezzjoni li saru fi żmien l-Assedju l-Kbir, u li fihom nistgħu naraw perjodikament l-iżviluppi li kienu qed isiru f'dan il-mument storiku. Wieħed ta' min ifaħħar ukoll, il-ftehim u l-qbil unanimu miż-żewġ naħħiet tal-Parlament sabiex dan it-trasferiment mingħand il-familja Ganado settat isseħħ.
Ġesti nobbli bħal dawn isiru kontinwament u ta min li nibdew nitkellmu aktar dwarhom!



