Friday, July 4, 2008

Iz-Zalza u l-Ħut


Kawża u effett. Qabża kbira fil-ħsieb politiku f'dawn l-aħħar snin kienet waħda ta' ħsieb aktar fit-tul speċjalment fil-qasam ta' l-ambjent u s-sostenibiltà - kull azzjoni hija l-kawza ta' effetti, u l-effetti jikkawzaw effetti ohra. Katina twila ta' ħoloq li waħda twassal għal li jmiss. Sas-snin sittin, sebgħin u tmenin, politika ħadra kienet l-għan aħħari tagħha nnifisha. Niehdu ħsieb ta' l-ambjent għax dinja waħda għandna, għax huwa r-responsabilità tagħna li ma nistgħux naħarbuha, għax dak hu li se jirtu wliedna u ulied uliedna. Imbagħad waslu Thatcher u Reagan li rabtu prezz ma' kull azzjoni. Is-sistema tas-saħħa stajt ittejjibha billi tonfoq anqas għal kull persuna li ddewwi, u mhux billi ddewwi aktar, jew aħjar. U hemm l-accountants ta' l-istat bdew jistaqsu domandi dwar kull nefqa ambjentali. Għaliex qed tipprotegi din iż-żona mill-iżvilupp, jekk l-ekonomija titjieb kieku kellna nħallu bini jitla hemm? Għaliex tillimitha il-qies ta' tal-magni ta' karozzi privati jekk nistgħu nintaxxawhom u ndaħħlu aktar flus?

Din wasslet għal reviżjoni tat-twemmin ambjentali li beda jiffoka aktar u aktar fuq sostenibilità, u fuq il-ktajjen ta' effett. Ippermetti karozzi privati b'magni bla razan u tkompli tniġġeż l-arja li twassal għal aktar mard fil-popolazzjoni, f'nefqa akbar fuq is-saħħa. Iz-zalza tiġik għola mill-ħut.

It-tarzna ilha tiġi diskussha daqs, jekk mhux aktar, mill-ambjent - is-sussidji, ir-razzjonalizzazzjoni, il-privatizzazjoni. Argument komuni li ntuża kemm il-darba huwa dak li Malta ma tiflaħx tkompli tissussidja ix-xogħol tat-tarznari, ħaddiema f'ażjenda bla futur. It-tarzna hija ażjenda li m'għandiex rwol soċjali. Argumenti li jagħmlu sens, u naqbel magħhom. Bħal ma naqbel ma' l-argument li l-gvern jista jdaħħal aktar flus jekk iħalli żvilupp bla razan u jintaxxah. Iżda nippreferi nkompli nieżel il-katina ħolqa jew tnejn aktar l-isfel. Jekk numru sostanzjali ta' ħaddiema jitilfu xogħolhom, jiżdied in-numru ta' nies qegħda. Nies ta' ċert' eta, u li għandhom biss snajja li qed jispiċċa l-bzonn tagħhom, mhux faċli jsibu xogħol ġdid. Nies qegħda jwasslu għal aktar infieq fuq nies jirreġistraw, aktar nies b'wisq ħin f'idejhom, u mhux bizzejjed flus f'buthom, aktar problemi soċjali, problemi psikoloġiċi, forsi aktar reati kriminali. Ma nafx. Nippreferi nħallas it-taxxi ħa nissussidjaw it-Tarzna sa ma bilmod tiġi phased out, u ma jifdalx ħaddiema jiddependu fuq il-paga ta' hemm.

Imma forsi hemm min jemmen li t-taxxi jintużaw aħjar għal skopijiet aktar soċjali, bħal forsi li nirranġaw it-toroq.

1 comments:

Anonymous said...

Nies li jahdmu f'azjendi parastatali iridu jitghallmu minn diversi relazzjonijiet li nsibu fin-natura.

Nibdew mill-kacca - hemm annimali li huma priza u hemm annimali li huma l-predaturi. Predatur jaqbez fuq priza u daqshekk. Ghaxja ta gurnata.

Imbaghad hemm il-parassitizmu - fejn ikollok annimal (jew pjanta) - il-parassita - li tghix minn fuq annimal jew pjanta ohra - il-host - sakemm il-host imut. Tattika li l-organizmi parassiti evolvew hi li jiehdu kemm jistghu mill-host qabel ma joqtluh. Imma meta jmut huma se jmutu mieghu.

Hemm ukoll il-kommensalizmu fejn ikollok diversi annimali jew pjanti jieklu flimkien minghajr ma jtellfu lil xulxin. Imma t-tnejn kuntenti ma' xulxin.

Fl-ahhar hemm is-simbijozi. Fejn zewg organzimi ghandhom relazzjoni li jgawdu minnnha t-tnejn. Ezempju li zgur jaf bih kulhadd huwa r-relazzjoni li hemm bejn l-ghasfur li jiekol minn halq il-kukkudrill u il-kukkudrill. L-ghasfur ikun qed jitrejjaq u fl-istess hin ikun qed inaddaf snien il-kukkudrill. Kif jghidu l-inglizi, "It's a win-win situation."

Kif naraha jien, il-privatizzazjoni qisha d-duwa li tehles lill-host mill-parassita. F'kull qasam u f'kull livell ta' management.