Friday, April 11, 2008

Il-Pixxatur ta’ Duchamp

Għadni kemm spiċċajt naqra The Napoleon of Notting Hill ta’ G.K. Chesterton. Kummidjant jigi mlaħħaq Re ta’ l-Ingilterra, u biex jitmejjel jaħtar Provosts ta’ diversi mkejjen zgħar madwar Londra, jivvintalhom bandiera, simbolu, tradizzjonijiet, jikkrejalhom storja u identita li qatt ma eżistew. Iċ-ċajta dejqet lil kulħadd, jew kważi kulħadd, għax għaxar snin wara, niskopru li l-Provost ta’ Notting Hill ħa kollox bis-serjeta, u f’diskussjoni twila li jkollu mar-Re, tispiċċa tistaqsi ‘Ghaliex le?’ Aktar ma ċajta jemmnuha, aktar issir titwemmen.

Il-pixxatur ta’ Duchamp ċajta oħra. Tifmhunix ħażin, inħobbu, u meta rajt wieħed minnhom (għax biex tagħqad hemm diversi minnhom) ma flaħtx ma nitbissimx. Ħallieni burdata tajba għall-bqija tal-ġurnata. Imma huwa arti? Ħafna jgħidulek li iva, propju għaliex illum ħafna aċċettawh bħala arti, u jgħidu li hu. Għal xejn aktar. U aktar ma għajtu li huwa arti dawk l-ewwel nies li emmnu hekk, aktar ma kienu nies li ħaddiehor ried jassoċja ruħu magħhom, aktar ikkonvinċa nies, u aktar sar arti.

Il-politika lokali saret tixbaħ lil dan il-pixxatur. Partiti li nsew, xi kultant huma stess, il-kuluri tal-bnadar li jxejjru l-partitarji tagħhom. Kienet kampanja elettorali ta’ ilħna jirbumbjaw jgħidulna x’għandna nemmnu. Il-pixxatur ghaliex arti? Ir-riżultat ta’ l-elezzjoni għaliex huwa dak li hu? Għax wara li l-għajjat mill-pixxatur/partiti, media/kritiċi ta’ l-arti, u kull min beda jsemma leħnu, il-maġġoranza hekk jemmnu li ghandu jkun. Bħal fil-każ tal-pixxatur, aktar ma jgħajjtu nies mill-bidu, akbar ma jkun l-istorbju, id-diżgwid bejn l-ilħna, aktar demokratika u rappreżentattiva tkun id-deċiżjoni.

Għalhekk iddecidejt li nibda nikkontribwixxi f’dan il-blog. Ghax xtaqt insemma leħni jien ukoll, ħa nżid leħen iehor mal-kakofonija li diġa hemm.

Din l-ewwel opinjoni li se nsemma: Iva, ma jimpurtanix jekk il-pixxatur ta' Duchamp huwiex arti, imma jogħġobni.

4 comments:

Anonymous said...

jekk il-politika qisa l-pixxatur, il-media hi l-ekwivalenti tal-katusi?

Anonymous said...

Ghall-istorbju gejt fil-post il-hazin.

Fil-blogosfera Maltija hawn hafna kwiet bhalissa.

Ha mmur inbul.

Russell Muscat said...

U l-materjal tal-katusi x'inhu mela??

Anonymous said...

qawl malti jghid: "l'ghajta nofs il-biegha"; sfortunatament il-politika illum hija affetwata hafna minn kemm ghandek muskoli fil-media. Iktar ma ittambar iktar tigi emmnut! Dan hu propoganda pur, jew ahjar "brainwashing"