Friday, April 18, 2008

Rinaxximent

Jikteb André Borg

L-istorja tal-bniedem hija ċiklu tond. L-esperjenza tgħallmek li dak li għaddej minnu llum ħafna drabi huwa mera ta’ ġrajjiet li seħħew fil-passat. Għaliex il-letteratura klassika baqgħet tiġi studjata u interpretata mijiet ta’ snin wara li nkitbet? Ir-raġuni taqa’ fuq l-iktar elementi bażiċi li jiffurmaw l-umanita’: l-għira, l-imħabba, il-poter u t-tradiment li huma t-tessut ta’ din il-letteratura klassika li baqgħet relevanti sa llum. Ikollna nigdmu ilsienna u nammettu li b’xi mod jew ieħor ilkoll influwenzati minn dawn l-elementi anke jekk mhux kulħadd bl-istess kejl. Aktarx l-istint tal-bniedem ma jafx mod ieħor. Jekk l-għira u l-kilba għall-poter waqqgħu imperi leġġendarji mijiet, anke eluf, ta’ snin ilu, inħarsu madwarna u naraw li l-istess elementi huma integrati fl-oqsma kollha tas-socjeta’ regolatorja li ngħixu fiha llum.

X’qed nipprova ngħid? Jekk naċċettaw il-fatt li l-istorja tirrepeti ruħha, analiżi tajba kemm tal-passat kif ukoll ta’ dak li qed jiġri llum, jista’ b’xi mod jgħinna biex infasslu l-futur. Irridu nippjantaw ġejjieni li fuq quddiem nett, jerġa jagħti spinta lill-kultura u l-liberta’ tal-ħsieb. Jekk tistaqsuni, ngħid li mhu minnu xejn li teżisti din il-liberta’. Araw x’qed jiġri llum. Żur il-postijiet tax-xogħol, l-istituzzjonijiet edukattivi, u ffrekwenta ċrieki ta’ ħbieb. Ara jekk hux kulħadd komdu jesprimi opinjoni li forsi ma tkunx taqbel ma’ dik tal-maġġoranza.

Il-biża’ mir-riperkussjoni qed toqtol bil-bosta l-inizjattiva u t-tixrid ta’ l-ideat. L-ideoloġija saret tabu’ u li tkun idealist hija bħal donna dagħwa f’katidrall. Ftit għad hawn zgħazagħ li jesprimu bil-miftuħ l-ideal progressiv li jħaddnu. Bħal dak il-bajd li b’tant għozza jkun ilu jiġi ndukrat mill-fekruna tal-baħar, iżda f’tebqa’ t’għajna fis-satra tal-lejl jittiekel mill-predatur. Hekk ukoll il-ħsieb kreattiv u t-thewdin li jkun ilu jikkarambola fil-kuriduri tal-moħħ, qed jispiċċa jintesa’ qabel biss jażżarda jingħad. X’inhi r-raġuni?

Qatt ma kienet faċli għall-progressivi li jbiddlu mentalita’ b’mod radikali. Ma kenitx faċli fil-bidu tas-seklu li għadda li n-nisa jwasslu ‘l quddiem ħsibijiet dwar id-drittijiet tagħhom, u lanqas ma kienet faċli l-ewwel darba li persuni omosesswali immarċjaw fit-toroq għall-għarfien tad-drittijiet ċivili li talbu. Storikament lanqas ma' kienet faċli li niffaċċjaw gwerrer u nerggħu inqumu fuq saqajna. It-trijonf għall-Maltin ma ġiex ma’ l-għoti tal-George Cross fl-1942, iżda l-qawmien li għamel il-poplu Malti biex wara l-istess gwerra ittrasforma soċjeta’ tal-gaxin għal dik sofistikata li nafuha llum. Bid-differenza li wara l-gwerra kellna ambizzjoni li nagħtu qawmien ġdid lil pajjiżna. Illum wisq nemmen li n-neo liberaliżmu qatel certu inizjattiva u ħsieb kreattiv.

Illum iċ-ċiklu reġa ġie f’punt li rridu nerġgħu nibdew noħolmu kif nistgħu nixprunaw ir-riżorsi u l-ideat ta’ kull min hu progressiv. Qatt mhu se tkun facli li nesprimu ruhna b’mod liberu, u dan għal raġunijiet li huma affettwati minn pressjonijiet esterni. Iżda jekk ħadd ma juri rieda soda u solidarjeta’, se nibqgħu nfesfsu l-idejat tagħna fil-widnejn. Irridu naqbdu id xulxin u nibdew paġna ġdida. Ir-rivoluzzjoni siekta li rridu naħdmu ghaliha, lil hinn mill-mazza u l-minġel, hi bbażata fuq il-liberta’ kif nixtiquha, spintata minn moviment progressiv li jkun ispirat mill-arti u l-kultura. Din l-istess arti tista' tkun il-mezz li bih nesprimu ruhna, għalhekk rinaxximent. Ghandu jirnexxielna nbiddlu mentalita’ li llum intliet bl-għabra.

info@andreborg.com

0 comments: