Monday, May 12, 2008

Il-Parkeġġ tal-Mater Dei

Komdu ħafna. Issib post dejjem u s-sulari t’isfel ikunu kważi vojta. Ir-rati tnaqqsu u mnalla għax ngħiduha kif inhi, l-isptar ma tmurx biex tieħu kafè jew tiddeverti u barra minn hekk hemm min ikollu l-ħtieġa li jmur tnejn jew tlett darbiet kuljum. Nifhem li kull servizz ikollu l-ispejjeż marbuta miegħu u li dawn irid iħallas għalihom min jużahom. Ma nifhimx l-iskema tal-ħlas però – hemm attentat li wieħed iħallas skond kemm ikun dam jagħmel użu mill-parkeġġ – il-biċċa hija li l-ħinijiet huma mkejla b’mod li jagħtu vantaġġ inġust lil min qed idaħħal il-flus minnu. Għaliex tħalllas siegħa siegħa? Ġieli tara min ikollu jħallas għat-tieni siegħa għax ikun qabeż il-ħin b’minuta jew tnejn. Ġieli tkun ser tilħaq tħallas qabel taqbeż is-siegħa – tħaffef il-pass tul il-kurridur twil twil li jwasslek għal-lifts u t-turġien tal-parkeġġ – iddur il-kantuniera u ssib li hemm kju ġmielu biex iħallas il-biljett, tgħid f’qalbek “illum weħilthom”. Tista’ tipprova tinżel l-ewwel sular u tħallas hemm, imma aktarx li ssib kju hemmhekk wkoll.

Naħseb min qed jopera l-parkeġġ ikun aktar ġust li kieku jkollu skema ta’ ħinijiet li biha t’tqassim tal-ħin li ddum ipparkjat jitkejjel bil-minuti u mhux bis-sigħat. Dan jistà jkun li minbarra li jkun moralment aktar ġust, iħajjar lil dawk il-ħafna li jagħżlu li ma jagħmlux użu tal-parkeġġ u jipparkjaw ħdejn il-fabbriki. Tajjeb li n-negozjant (li hawnhekk qed iħaddem riżorsi pubbliċi) jżomm f’moħħu d-dmir morali – jekk dan ma jagħmlux minn jeddu, l-awtoritajiet għandhom jaraw li dan isir.

1 comments:

Anonymous said...

The blog post "Il-Parkeġġ tal-Mater Dei" is featured on Maltamedia: The Maltese Blogosphere

- Nominate blog post of the month -