Monday, June 16, 2008

IL-MAGNA

Għal dan l-aħħar ftit ġimgħat, matul il-kampanja u l-votazzjoni għat-tmexxija tal-kap u l-viċi kapijiet tal-Partit Laburista, dwiet mal-widien ta' moħħi kelma partikulari : IL-MAGNA. Tgħida biss qishek qed tidgħi ġo katidral. Issemmiha, toħloq l-istess biża u effett li kreja isem Voldemort fis-sensiela ta' Harry Potter. Dak inhar tal-votazzjoni tal-mexxej tal-Partit Laburista, l-istazzjon nazzjonali permezz ta' wieħed mill-aktar preżentaturi newtrali li jeżistu matul iż-żminijiet, ideddikat program sħiħ fuq dan il-fenomenu. Kienu bosta li tħabtu u tħanbqu. Kulħadd jgħid tiegħu fuq din l-imbierka MAGNA u l-effet tagħha.

Imma din xi tkun?

Bħala definizjoni wieħed ma' jistax ikun ċert, peress li fin-natura tagħħa hija moħbija u li qatt ma' tidher fis-sehh. Li nafu biss dwarha huma ix-xogħolijiet moqżieża, bħal distribuzzjoni ta' emails patetiċi li l-iskop tagħhom mhu xejn ħlief li jagħmlu ħsara inutli. Skond l-Orakli diversi u li jvarjaw minn esperti fuq firxa ta' programmi tat-televixin, kontributri fil-gazzetti indipendenti ta' pajjiżna u gurus virtwali li jiktbu f'blogs lokali (fosthom waħda partikolari mimlija annimali u tjur ta' kull tip), din il-MAGNA isettjat l-aġenda kollha. U skond ma' tgħid il-MAGNA, jimxu d-delegati tal-Partit li xogħolhom hu biss li jaġixxu skond kif tinġibdihom l-ispaga.

Fir-realta' jien naħseb li kien hemm tlett linji ta' ħsieb differenti matul dawn l-elezzjonijiet għall-ħatra tal-mexxejja tal-PL: ħsibijiet Moderati, Progressivi kawti u Progressivi aktar ħorox. Fil-verita rebħu t-tlieta li huma: Joseph Muscat (Moderat), Anġlu Farrugia (Progressiv aħraxx) u Toni Abela (Progressiv kawt). Ma' naħsibx li jista' jkun hemm turiha ta' inklussivita' aktar minn hekk, speċjalment fejn jidħlu kurrenti interni. L-aħħar għażla, u naħseb li hija waħda verament importanti biex tgħaqqad is-sett, hija dik tas-Segretarju Ġenerali. Din il-kariga, bħal dik tal-mexxej tal-partit, hija waħda li trid tieħu inkonsiderazzjoni l-elettur ġenerali, speċjalment il-floating voter u l-votant ta' partiti oħra. Fl-opinjoni tiegħi, hija l-kariga l-aktar importanti wara l-Mexxej tal-Partit.

Il-Pronostiċi għall-karigi kollha kienu iffukati u jħambqu li l-MAGNA għamlet l-għażla tagħħa. Filwaqt li dik tal-Mexxej tal-Partit Laburista kienet waħda konsitstenti minħabba l-poplarita li kellu dan il-kandidat żagħżugħ, il-pronostiċi tal-karigi l-oħra marru kollha l-baħar. L-Oraklu kellu lapsus u żgarra(w) bl-ikrah. Naħseb id-delegati wrew biċ-ċar li m'għandhom bżonn lil ħadd li jiġbdilhom l-ispaga. Dan l-Oraklu diġa beda' jiżra' ż-żerigħha ta' dubju dwar is-Segretarju Ġenerali u din ser tispunta f'għerq ta' gideb u dubji hekk kif titħabbar id-data tal-elezzjoni għal din il-kariga.

U bħal ma' ġara fil-passat reċenti, ser jinħassu l-effetti tal-MAGNA u ser jinħassu wkoll l-effetti tal-KONTRO MAGNA, li din ukoll kienet preżenti (minn daqqiet b'qawwa aktar minn tal-MAGNA) matul il-ħatra ta' dawn il-karigi. Ħafna minn dawk illi kienu qed igergru fuq din l-imbierka MAGNA, kellhom subgħajhom imdeffsa sa ġewwa ġo dan il-mekkaniżmu l-ieħor. L-istrateġija kienet li joħroġ jgħidu li qed jinqala l-ħama fuqhom minn taħt u mbagħad jinqdew b'ħaddieħor biex joħroġu l-ħama. Forsi logħoba aktar pulita imma tant' ieħor maħmuġa.

Bl-istess didattika, igħidu x'igħidu l-Orakli indipendenti, f'kull organizzazzjoni teżisti l-MAGNA u l-KONTRO MAGNA, lesti li jinfluwenzaw bil-linja tal-ħsieb li jkunu imqabbda magħha. Jekk nosservaw fil-qrib x'inhu jiġri fil-ġirja għall-kariga tas-Segretarju Ġenerali tal-PN, il-MAGNA hija omnipreżenti. Hawnhekk, l-Orakli jew jibqgħu siekta jew idawwru l-vija fuq x'inhu jiġri fl-MLP. Hemm mumenti li jinħassu sew fejn l-Orakli jikxfu jdejhom li huma parti minn MAGNA huma wkoll. Jibqa' l-fatt li, jekk impoġġu fil-ġenb l-eżistenza ta' din l-imbierka MAGNA u jekk hiex sempliċiment eżerċizzju ta' tfiegħ tat-tajn, il-mandat elettorali jidetterminah il-votant u l-effett ta' din l-influwenza tibda' u tispiċċa ma kif t/jiddeċiedi l-votant.

2 comments:

Fausto Majistral said...

Anglu Farrugia "Progressiv aħrax"? Il-frontman fil-kamp Laburista tal-kampanja tal-Gift of Life biex tidhol proibizzjoni kostituzzjonali kontra l-abort?

Jekk hemm turija ta' inklussivita' hija kemm il-kelma "progressiv" (bhal "liberali" jew "moderat") saret tikkomprendi kollox u 'l kulhadd. U allura ma tfisser xejn.

Russell Muscat said...

Naqbel miegħek Fausto. Meta irreferejt għall- Anġlu Farrugia bħala Progressiv aħrax kelli aktar f'moħħi l-metitologija ta' agħġir milli l-kunċett tal-ħsieb. F'dak il-każ nara' aktar lil Toni Abela bħala progressiv aħrax u lill-Anġlu aktar konservattiv minn Joseph. Fl-opinjoni tiegħi Joseph Muscat qed jerġa jagħti perspettiva għall-kunċett soċjalista. Li hija inkoraġġanti huwa l-fatt li dawn it-termini qed jitilgħu għad-diskussjoni. Id-definizzjoni tagħhom huma dibattibli imma l-fatt li tara' ċertu nies li qed jiddiskuthom f'siti bħat-Times Online hija inkoraġġanti. Naħseb li għandu jkun hemm aktar diskussjonijiet ta' dan it-tip għax fl-aħħar mill-aħħar hija soul searching għar-ruh soċjalista u s-sisien li fuqu jrid jinbena' il-moviment tax-xellug f'Malta.