Friday, June 27, 2008

Tal-Linja għall-Baħar

Minn André Borg

Għal ħafna minna l-istaġun sajfi ma tantx ilu li beda; ejja ngħidu ftit jiem jew l-iktar ġimgħat. Meruni jekk tridu imma s-sajf żgur jibqa’ l-iktar staġun preferut tal-Maltin. F’liem staġun ieħor ikollna street-party kull tmiem il-ġimgħa, inġelldu l-qaddisin u niżvugaw innijiet b’tant passjoni u imħabba? Il-fatt li d-destin ġabna fuq gżira żgħira mdawra bil-baħar, b’xemx li taqli l-bajd, u f’kultura ta’ barra t-triq biex ngħid hekk, is-sajf donnu l-iżvog tal-kumplament tas-sena. Issa li s-sajf magħna sa minn ġimgħa ilu, għandna l-isbah tlieta sa erba’ xhur niftaħru kemm ħaditna x-xemx u nikxfu l’hawn u l’hinn biex nuru l-kapulavuri.

Iżda lura għas-serjeta, ngħir għal min għandu l-ħin jew min minn natura tiegħu jista' jmur il-baħar spiss. Fost dawn jiġuni f’moħħi l-karozzi tal-linja li għandhom ħila jmorru l-baħar is-sena kollha. Ejja ngħidu t-trasport pubbliku kollu kemm hu ilu sejjer il-baħar is-snin. Mudelli Leyland tal-1964 li għadhom fis-servizz, irnexxielhom jissopravvivu matul is-snin, jegħlbu kull kompetizzjoni u jibqgħu jiġbdu l-attenzjoni tat-turisti li għalihom tixbah aktar esperjenza f’mużew ħaj tal-karozzi vintage. Il-faxxinu jikber meta jittantaw jirkbu waħda minnhom u hawn l-avventura tiżboq kull rikba oħra f’mezz ta’ transport pubbliku fl-Ewropa. Sempliċi, imma t-turisti jiddevertu ruħhom saħansitra anke biex jiġbdu l-ħabel (kultant ikollok tuża s-sahha) biex iċemplu qanpiena zgħira jindikaw li l-bus ride kien biżżejjed biex jagħtihom is-sodisfazzjoni tal-ġurnata.

Mandankollu għal min juża t-trasport pubbliku għax-xogħol, jew addirittura min jixtieq jibda juża dan il-mezz sabiex jegħleb l-ispejjez dejjem jogħlew tal-karburanti (qed nikteb f’kuntest fejn il-prezz internazzjonali taż-żejt laħaq il-$140), it-trasport pubbliku għadu lura milli jilħaq l-aspettattivi tagħna l-Maltin li mhux imdorrijin neqirdu. Lkoll sifirna u rajna kif jaħdmu sistemi barranin. Ta’ l-inqas fuq il-bus-stop issib forma ta’ tabella tinfurmak fejn qiegħed, tavżak bil-ħinijiet u l-frekwenza tal-karozzi. Issib tixtri biljetti minn postijiet oħra sabiex tiffranka ħars bl-ikrah mid-driver, u għandek anke skont jekk tixtri numru ta’ biljetti f’daqqa jew pass speċjali jekk għadek student. Għandek ukoll faċilita’ li tibdel ir-rotta minn terminals reġjonali, u wisq aktar li tibqa tuża l-istess biljett sakemm tasal fid-destinazzjoni tiegħek. Veru li n-noll f’Malta huwa relattivament irħis, madwar 50 ewro centezmi (qaluli għadu 47c, imma ibqgħu fuq kliemi li daqt nagħmlu round-up), fil-verita’ għal ħafna mir-rotot ta’ Malta jkollok taqbad żewg karozzi u vjaġġ jiswik 1 Ewro, fuq l-istess livell ta’ pajjiżi Ewropej, iżda b’servizz tal-Cambodia.

Hemm ħafna x’isir. Għal Ministru b’karattru ‘Smart’ bħal dak ta’ Austin Gatt, f’idejh inkarigat id-dekasteru tat-Trasport, għandu ħafna fejn jimraħ sabiex ma jħallix iktar din l-inġustizzja għaddejja fejn min ikollu jistenna s-sajf biex imur il-baħar, u min down-under is-sena kollha! It-trasport pubbliku ilu snin twal mitluq, għajb ghal min ippoppa sidru biex jidher u qatt ma wettaq riforma kif għandha tkun. Jixirqilna aħjar!

1 comments:

Jacques René Zammit said...

F'PQ iktar kmieni din il-giimgha il-Ministru Austin Gatt ikkonferma li Ghawdex hemm xarabank li ilha tahdem mill-1928.

Hallik mis-64. Is-64 modern!